It-Termini tas-Servizz Addizzjonali għall-Utent Finali ta' Google Maps
Immodofikat l-Aħħar: 4 ta' Ġunju 2025
Meta tuża Google Maps, jew kwalunkwe prodott jew servizz ta' parti terza li jintegra s-Servizzi tal-Pjattaforma ta' Google Maps, inti, bħala utent finali, teħtieġ li taċċetta (1) it-Termini tas-Servizz ta' Google u (2) dawn it-Termini tas-Servizz Addizzjonali ta' Google Maps (it-"Termini Addizzjonali ta' Maps"). It-Termini Addizzjonali ta' Maps jinkorporaw b'referenza l-Avviżi Legali għal Google Maps/Google Earth u l-APIs ta' Google Maps/Google Earth.
Jekk jogħġbok aqra kull wieħed minn dawn id-dokumenti bir-reqqa. Flimkien, dawn id-dokumenti huma magħrufa bħala t-"Termini." Dawn jistabbilixxu dak li tista' tistenna mingħandna meta tuża s-servizzi tagħna u x'nistennew aħna mingħandek.
Jekk tuża biss il-karatteristiċi tan-negozjanti biex timmaniġġja l-Profil tan-Negozju tiegħek f'Google Maps, japplikaw it-Termini tal-Profil tan-Negozju ta' Google fuq https://support.google.com/business/answer/9292476 għal dak l-użu.
Inħeġġuk taqra l-Politika tal-Privatezza tagħna. Din tispjega liema informazzjoni niġbru, għaliex niġbruha u kif tista' taġġorna, timmaniġġja, tesporta u tħassar l-informazzjoni tiegħek.
Liċenzja. Sakemm issegwi dawn it-Termini, it-Termini tas-Servizzi ta' Google jagħtuk liċenzja biex tuża Google Maps, inklużi l-karatteristiċi li jippermettulek:
tara u tannota l-mapep;
toħloq fajls KML u saffi tal-mapep; u
turi l-kontenut pubblikament permezz ta' attribuzzjoni xierqa online, fil-vidjows u b'mod stampat.
Għal aktar dettalji dwar affarijiet speċifiċi li inti permess/a li tagħmel b'Google Maps, jekk jogħġbok ara l-paġna tal-permessi Kif tuża Google Maps, Google Earth u Street View.
Kondotta Pprojbita. Il-konformità tiegħek ma' din it-Taqsima 2 hija kundizzjoni tal-liċenzja tiegħek biex tuża Google Maps. Meta tuża Google Maps, ma tistax (u lanqas ma tippermetti lil dawk li jaġixxu f'ismek):
tiddistribwixxi mill-ġdid jew tbigħ kwalunkwe parti ta' Google Maps jew toħloq prodott jew servizz ġdid ibbażat fuq Google Maps;
tikkopja l-kontenut (sakemm ma tkunx permess/a b'mod ieħor li tagħmel dan mill-paġna tal-permessi Kif tuża Google Maps, Google Earth u Street View jew mil-liġi applikabbli dwar il-proprjetà intellettwali, inkluż l-"użu ġust");
tniżżel b'volum kbir jew toħloq volum kbir ta' feeds tal-kontenut (jew tħalli lil xi ħadd ieħor jagħmel dan);
tuża Google Maps biex toħloq jew tissupplimenta kwalunkwe sett ta' dejta ieħor li huwa relatat mal-immappjar (inkluż sett ta' dejta tal-immappjar jew tan-navigazzjoni, bażi tad-dejta ta' listings tan-negozji, lista postali jew lista ta' telemarketing) sabiex jintuża f'servizz li huwa sostitut jew servizz sostanzjalment simili, għal Google Maps; jew
tuża kwalunkwe parti ta' Google Maps ma' prodotti jew servizzi ta' nies oħra għal jew f'konnessjoni ma' navigazzjoni f'ħin reali jew l-kontroll awtonomu tal-vetturi, ħlief jekk dan isir permezz ta' karatteristika speċifika li hija pprovduta minn Google bħal Android Auto.
Kundizzjonijiet Attwali; Suppożizzjoni ta' Riskju. Meta tuża d-dejta tal-mapep, tat-traffiku, tad-direzzjonijiet u ta' kontenut ieħor ta' Google Maps, tista' ssib li l-kundizzjonijiet attwali huma differenti mir-riżultati u mill-kontenut tal-mappa, għalhekk eżerċita l-ġudizzju indipendenti tiegħek u uża Google Maps b'attenzjoni. Inti responsabbli l-ħin kollu għall-imġiba tiegħek u l-konsegwenzi li ġġib magħha.
Il-Kontenut tiegħek f'Google Maps. Il-kontenut li ttella', tissottometti, taħżen, tibgħat jew tirċievi permezz ta' Google Maps huwa soġġett għat-Termini tas-Servizz ta' Google li jinkludu l-liċenzja fit-taqsima msejħa "Permess biex tuża l-kontenut tiegħek". Madankollu, il-kontenut li jibqa' esklussivament lokali fl-apparat tiegħek (bħal fajl KML maħżun lokalment) ma jittellax u lanqas ma jiġi sottomess lil Google u għalhekk mhuwiex soġġett għal dik il-liċenzja.
Utenti Finali tal-Gvern. Jekk qed tuża Google Maps bħala rappreżentant ta' entità governattiva, japplikaw it-termini li ġejjin:
Liġi Applikabbli.
Għal entitajiet governattivi ta' bliet jew ta' stati fl-Istati Uniti u fl-Unjoni Ewropea, it-taqsima tat-Termini tas-Servizz ta' Google dwar il-liġi regolatorja u l-post mhux se tapplika.
Għall-entitajiet tal-gvern federali tal-Istati Uniti, it-taqsima tat-Termini tas-Servizz ta' Google dwar il-liġi regolatorja u l-post tiġi sostitwita b'dan li ġej:
"Dawn it-Termini se jkunu rregolati, interpretati u infurzati skont il-liġijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika mingħajr referenza għall-kunflitt tal-liġijiet. Unikament u safejn ikun permess mil-liġi federali: (A) se japplikaw il-liġijiet tal-Istat ta' California (minbarra r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet ta' California) fin-nuqqas ta' liġi federali applikabbli; u (B) kwalunkwe tilwima li tinqala' jew li hija relatata ma' dawn it-Termini jew ma' Google Maps se tiġi litigata esklussivament fil-qrati federali tal-Kontea ta' Santa Clara, California u l-partijiet jaqblu li jissottomettu għall-ġurisdizzjoni personali f'dawk il-qrati.
Drittijiet Ristretti tal-Gvern tal-Istati Uniti. L-aċċess kollu jew l-użu ta' Google Maps mill-gvern jew għall-gvern federali tal-Istati Uniti huwa soġġett għat-taqsima "Drittijiet Ristretti tal-Gvern tal-Istati Uniti" fl-Avviżi Legali ta' Google Maps/Google Earth.